Rabtet lil binha ta’ erba’ snin ma’ tieqa tal-ħadid

Il-Pulizija Messikana nidiet investigazzjoni wara li omm ta’ tifel ċkejken ta’ erba’ snin rabtietu minn idejh u saqajh ma’ tieqa tal-ħadid.

L-uffiċjali tal-pulizija daħlu fid-dar tal-familja wara li Mariza Guerroro, waħda mill-ġirien ħadet ritratti tat-tifel marbut u tellgħethom fuq l-Internet.

It-tifel ittieħed l-isptar fil-villaġġ ta’ Xalapa, fin-Nofsinhar tal-Messiku fil-provinċja ta’ Veracruz.

Il-ġara qalet lil midja lokali: “Dak it-tifel marbut mat-tieqa tal-ħadid ġabli għajnejja wara widnejja l-aktar meta rajt il-marki li ħallewlu l-għoqiedi ma’ jdejh u saqajh.”

Skont il-ġirien kienet l-omm li rabtet lil binha mal-ħadid tat-tieqa waqt li l-missier qagħad jaraha.

Il-Pulizija qegħdin jinvestigaw jekk kien hemm xi aspett ritwali b’rabta ma’ dan l-inċident.

Il-familja hija magħrufa għat-twemmin Kristjan qawwi li tħaddan.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni Soċjali f’Veracruz, Alberto Silva Ramos ixxerja r-ritratti fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter u qal li l-awtoritajiet qed jinvestigaw dan l-att orribbli bil-għan li jikkastigaw lil min huwa ħati.