Lokali
Raffaele Conte, hu l-ħaddiem ta’ 40 sena li miet f’Ħal Far – ħalla warajh tlett itfal

Huwa Raffaele Conte, Taljan ta’ 40 sena minn Mondragone l-Italja, l-aħħar vittma li tilef ħajtu f’diżgrazzja fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna.
Conte miet it-Tlieta għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu wara li waqa’ minn għoli ta’ bejn tlieta u erba’ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fuq saqaf ta’ fabbrika li qed tinbena fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far.

Minn stħarriġ li għamel tvm.com.mt, ir-raġel ħalla warajh tlett itfal. Huwa kien impjegat b’kuntratt ma’ kumpanija Taljana li tieħu ħsieb xogħlijiet ta’ kostruzzjoni barra l-pajjiż. Raffaele kellu jingħaqad lura ma’ qrabatu fl-aħħar tax-xahar id-dieħel, biex jgħaddi xi ftit ġimgħat mal-familja tiegħu. Huwa kien f’pajjiżna għal dawn l-aħħar ġimgħat.

L-interventi li saru fuq il-post mill-infermiera, it-tobba u mill-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili kienu kollha għalxejn.

Skont xhieda fuq il-post, Conte kien fuq is-saqaf tal-fabbrika flimkien mal-kollegi tiegħu li kien jgħix magħhom f’appartament hawn Malta. Għal xi raġuni li għad trid tiġi kkonfermata, ir-raġel tilef il-bilanċ, bil-konsegwenza li spiċċa waqa’ mir-raba’ sular – waqgħa li ma ħafritilux. Maħsudin b’din ix-xena quddiem għajnejhom, il-kollegi tiegħu ċemplu minnufih għall-għajnuna, iżda ħadd ma seta’ jagħmel xejn biex isalvalu ħajtu. It-tisbita kienet tant qawwija li Raffaele miet mad-daqqa wara li ħabat rasu mal-art.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li mhux biss trid tistabbilixxi d-dinamika ta’ din il-mewt traġika fuq il-post tax-xogħol, iżda fuq kollox, il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-binja li fiha seħħet din id-diżgrazzja, u jekk kinux qegħdn jiġu segwit r-regoli kollha ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Mill-ewwel investigazzjonijiet preliminari jidher li Raffaele kellu kuntratt ta’ xogħol imġedded minn żmien għal żmien minkejja li kien ilu jaħdem mal-istess kumpanija Taljana għal żmien twil.

Il-katavru ta’ Raffaele għadu ma ġiex rilaxxat għad-difna iżda mistenni jintbagħat l-Italja fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla biex ikun jista’ jingħata l-aħħar tislima mill-għeżież tiegħu.