Lokali
Raġel akkużat li seraq minn dar illiberat wara li x-xhud ma għarfitux

Ragel akkużat b’attentat ta’ serq minn dar f’Ħad-Dingli nħeles minħabba li xhud ewlenija fil-każ ma setgħetx tikkonferma b’ċertezza l-identità tiegħu.

Paul Abela ta’ 62 sena mir-Rabat kien akkużat li daħal fir-residenza f’Marzu 2012 u seraq €2,000 fi flus kontanti u xi affarijiet tad-deheb. Kien akkużat ukoll li żamm affarijiet misruqa għandu u li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor.

Fil-Qorti nstema’ li l-Pulizija kienu rċevew telefonata anonima fejn informawhom li raw tliet irġiel f’vann griż quddiem dar. Qalulhom ukoll li wieħed mill-irġiel daħal fid-dar. Meta l-Pulizija marret fuq il-post sabet il-bieb tad-dar magħluq u b’ebda sgass. Madankollu, ftit wara l-Pulizija rċevew telefonata oħra mingħand sid id-dar u rrapportat li kienu daħlu jisirquha. Mill-istħarriġ tal-Pulizija rriżulta li l-ħallelin daħlu mingħand il-ġara u mbagħad użaw mejda, siġġu u ġebla biex telgħu ma’ ħajt u daħlu fid-dar.

Waħda mill-ġirien kienet qalet li rat liż-żewġt irġiel waqt li kienet qed tonxor il-ħwejjeġ. Hija deskriviet wieħed minnhom li hu samrani u kien liebes berittta. Aktar tard huwa ġie ddentifikat li hu Paul Abela. Hija kienet qalet lill-Pulizija li Abela x’aktarx kien ir-raġel li rat fuq il-bejt. Madankollu hija qalet li ma kinitx ċerta 100%, tant li fil-Qorti hija ma setgħetx tidentifikah u qalet li dakinhar tas-serqa kienet ’il bogħod biex tagħrfu.

Minkejja li l-Prosekuzzjoni qalet li persuna li tixtieq tibqa’ anonima kienet semmiet lill-akkużat b’ismu u bil-laqam, il-Qorti nnotat li din il-persuna qatt ma xehdet f’dan il-każ. F’dan l-isfond il-Qorti qalet li ma kienx hemm evidenza diretta li turi li l-akkużat wettaq dan ir-reat u għaldaqstant illiberatu mill-akkużi.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Marlene Schranz ta’ 75 sena kellha parti ċentrali f’film bi storja traġika, tant li ħasbitha darbtejn taċċettax jew le, li taħdem il-parti ta’ mara anzjana li qed tmut kawża ta’…

Lokali

Restawrata l-kolonna li ma kinitx fid-disinn oriġinali tat-Tritoni. Se titpoġġa fi ġnien f’Tas-Sliema b’tifkira tal-artist Ċensu Apap. Ġnien George Bonello du Puis f’Tas-Sliema se jilqa’ l-kolonna li għal aktar minn…

Lokali

It-tindif u l-manutenzjoni fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar se jingħata spinta fix-xahrejn tas-sajf bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-kunsill lokali u d-direttorat tat-tindif u l-manutenzjoni. Il-Gvern se jħallas nofs l-ispiża għas-servizz…

Lokali

Matul is-sena li għaddiet kien hemm total ta’ 728,470 immigrant li applikaw għall-kenn f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, tnaqqis ta’ 44% meta mqabbel mal-2016. Skont ir-rapport annwali tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea EASO, kuntrarju…

Aktar