Kronaka
Raġel arrestat b’rabta ma’ ċirku ta’ bejgħ ta’ dokumenti foloz

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena mis-Somalja. Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li din il-persuna allegatament kienet qiegħda tbigħ passaporti u permessi ta’ residenzi foloz, sabiex jassisti persuni oħra jidħlu jew joħroġu minn Malta.

Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ f’rejd li l-Pulizija tal-Immigrazzjoni għamlet fir-residenza tiegħu f’Wied il-Għajn. F’dan ir-rejd, il-Pulizija sabet diversi dokumenti foloz, kif ukoll dokumenti oriġinali, iżda li rriżultaw li kienu misruqin, kollha fil-pussess tas-Somalu.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti b’arrest għada akkużat bi traffikar ta’ persuni u li ffaċilità immigrazzjoni illegali, fost oħrajn.