Kronaka
Raġel arrestat b’rabta ma’ serqa fuq anzjan waqt li kien ġo daru

Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestat raġel ta’ 46 sena wara li hu ġie identifikat bħala l-aggressur li wettaq serqa minn residenza ta’ anzjan ta’ 95 sena fil-Ħamrun.

Nhar it-18 t’Ottubru, fl-3.45pm, il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet serqa fi Triq Qrejten. Mill-ewwel stħarriġ, irriżulta li raġel ħabbat il-bieb tar-residenza u preżenta ruħu bħala persuna li ġiet inkarigata tiġbor xi flus. Huwa daħal ġewwa u kif l-anzjan kien qed itih il-flus, ħataflu l-basket u ħarab.

L-investigazzjonijiet baqgħu għaddejin u lbieraħ, ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, għal aktar investigazzjonjiet.

Ir-raġel ta’ 46 sena mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Nadine Lia LL.D b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, fost oħrajn.