Kronaka
AĠĠORNAT: Talabha skuża waqt li qed jisraqha

Filwaqt li kien qed jisraq minn pastizzerija f’Ħal Għaxaq Kevin Borg ħass il-kuxjenza tniggżu tant li lit-tfajla ta’ 19-il sena li kienet fil-ħanut talabha skuża u anke qalilha li ser jagħtiha lura l-€20 li serqilha.

Is-serqa seħħet it-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-3.15 p.m. bil-ħalliel jaħrab minn fuq il-post biex kien arrestat mill-Pulizija lbieraħ waranofsinhar mir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq.

Kevin Borg ta’ 41 sena fil-Qorti qal li ma jaħdmix filwaqt li ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih fosthom serqa bi vjolenza, sekwestru ta’ persuna u anke li kellu fil-pussess tiegħu arma bil-ponta.

Huwa wkoll irrenda ruħu reċediv. Il-prosekuzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Janette Grixti qalet li l-imputat fi żmien kellu problemi ta’ droga iżda li kien ħareġ minnha wara li jingħata l-għajnuna.

Spjegaw li fl-aħħar żmien għadda mingħajr ma kellu tort sab ruħu fi problemi soċjali u reġa’ rrikorra għall-vizzju tad-droga.

Intqal lit-tfajla li kienet fil-ħanut qalet lill-Pulizija li waqt is-serqa stess l-akkużat qalilha li qed jiddispjaċih tant li qalilha li ser jagħtiha l-flus lura. Il-prosekuzzjoni talbet li jingħata sentenza ta’ probation u jkun ordnat isegwi programm ta’ trattament mid-droga ħalli jerġa’ jikseb is-suċċess li kellu fil-passat u joħroġ mill-vizzju.

L-avukat difensur spjega li l-akkużat qed ikun segwiet minn social worker u anke qabel mal-prosekuzzjoni biex is-sentenza tħares lejn il-bżonn li l-akkużat jingħata l-għajnuna meħtieġa.

Il-Maġistrat Astrid May Grima wara li semgħet l-argument taż-żewġ naħat qalet lis-sentenza ser tingħata fl-10 ta’ Mejju.