Kronaka
Raġel arrestat f’Malta fuq frodi fil-Ġermanja – ma jridx jiġi estradit

Il-Pulizija Maltija mis-‘Central Intelligence & Analysis’, flimkien mat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, arrestaw ċittadin Ġermaniż ta’ 45 sena li kien imfittex fuq reati ta’ frodi li allegatament wettaq fil-Ġermanja.

Ġimgħat ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija Maltija wasslu biex ikun identifikat li l-Ġermaniż qiegħed jgħix Malta.

Wara jiem ta’ sorveljanza, fit-18 ta’ Lulju, ir-raġel kien arrestat minn appartament f’San Ġiljan, bil-Pulizija Maltija jesegwixxu Mandat ta’ Arrest Ewropew maħruġ millAwtoritajiet Ġudizzjarji tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ilbieraħ, ir-raġel tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello biex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn il-Ġermanja. Madankollu, huwa ma tax il-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lura lejn pajjiżu.

Permezz tal-avukati difensuri, ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Qorti. Is-smigħ dwar l-estradizzjoni mistenni jkompli fil-jiem illi ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Mark Galea, assistit minn Dr Meredith Ebejer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.