Kronaka
AĠĠORNAT: Raġel jinżamm arrestat wara li nqabad b’pistola kkargata fil-karozza

Raġel ta’ 41 sena li jgħix Birżebbuġa ġie arrestat wara operazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ negozju t’armi tan-nar.

Aaron Cassar ta’ 41 sena minn Birżebbuġa nqabad ilbieraħ waranofsinhar, wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li f’Birżebbuġa kien se jsir negozju ta’ armi tan-nar.

Il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, assistiti mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, marru fuq il-post fejn iċċirkondaw il-karozza li kienet qiegħda tinstaq mir-raġel.

Minn tfittxija li saret fil-vettura, instab basket li fih kien hemm pistola, li wkoll kienet ikkargata b’żewġ balal.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, huwa kien mixli b’pussess ta’ arma tan-nar bla liċenzja.

Id-difiża qalet li l pistola kellha difetti mekkaniċi, bil-prosekuzzjoni tikkonferma dan, iżda qalet li xorta waħda tispara, tant li l-akkużat innifsu spara fuq l-injam biex jipprova.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ kawżi oħra. Il-Qorti qalet li minħabba l-kondotta kkulurita u li l-ksur tal-kundizzjonijiet mill-arrest ma laqgħetx it-talba u nżamm arrestat.

F’każ separat Cassar huwa mixli li kien kompliċi biex, flimkien ma’ Sylvester Farrugia, pprova jqabbad il-bieb tad-dar ta’ Deniro Magri fil-Marsa fl-2017. Waqt l-attentat Farrugia nqatel b’tiri minn arma tan-nar, b’Magri li jinsab mixli bil-qtil.