Lokali
AĠĠORNAT (3): Tnejn arrestati b’rabta mal-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far

Żewġt’ irġiel qed jinżammu arrestati mill-Pulizija suspettati bil-qtil ta’ immigrant f’Ħal Far u l-feriment ta’ tnejn oħra. Il-każ li qed jitqies bħala attakk razzista seħħ ix-xahar li għadda. L-arrestati huma membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, b’sorsi qrib l-investigaturi qalu lil TVM li wieħed minnhom ammetta mal-Pulizija li kien kompliċi fid-delitt. L-istess suspettat ammetta li t-tnejn li huma kienu responsabbli wkoll għall-feriment ta’ immigrant mic-Chad f’hit and run fl-istess inħawi aktar kmieni din is-sena. Il-vettura u l-arma użati fil-qtil ġew identifikati u jinsabu f’idejn il-Pulizija.

Sitt ġimgħat ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u d-Distrett taż-Żejtun dwar id-delitt ta’ immigrant f’Ħal Far u l-feriment ta’ tnejn oħra wasslu għall-arrest ta’ żewġ suldati suspettati b’dan ir-reat.

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Pulizija arrestat l-ewwel raġel waqt li kien xogħol fil-barracks tal-armata f’Ħal Safi. Ir-raġel hu minn Raħal Ġdid. Sorsi qrib il-Korp qalu li waqt li kien qed jiġi interrogat mal-lejl, hu ammetta li ħa sehem fid-delitt, iżda ma kienx hu li spara t-tiri. Allegatament, mal-Pulizija r-raġel stqarr li l-immigranti kienu fil-mira tagħhom għax huma suwed. Ir-raġel ammetta li aktar qabel din is-sena, kienu responsabbli għall-feriment ta’ immigrant ieħor miċ-Chad li ttajjar b’karozza u tħalla fit-triq. Is-Sibt filgħodu ġie arrestat it-tieni suspettat. L-arrest sar mid-dar tiegħu f’Wied il-Għajn. L-arrestati huma żgħażagħ.

Fl-investigazzjonijiet, il-Pulizija identifikaw il-vettura ta’ lewn abjad użata fl-isparatura tas-6 ta’ April tard filgħaxija. Il-vettura nstaqet tul Triq il-Ġebel, f’Birżebbuġa, triq imwarrba li tgħaqqqad lil Birżebbuġa ma’ Ħal Far u frekwentata ħafna minn immigranti li jgħixu fl-inħawi, fosthom fiċ-ċentru miftuħ. Mill-karozza kienu ġew sparati għadd ta’ tiri, b’Lassine Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju miet fuq il-post wara li ntlaqat f’rasu, u żewġ barranin oħra – wieħed ta’ 22 sena mill-Guinea u l-ieħor ta’ 28 sena mill-Gambja – kienu rikoverati l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi serji. Il-mejjet kien missier ta’ tliet itfal. Il-vettura u l-arma użata f’dak il-lejl jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija. Sorsi qalu li l-arma mhix tal-Forzi Armati iżda reġistrata fuq wieħed mis-suspettati. Is-sieħba tas-suspettat li ammetta mal-investigaturi s-sehem tiegħu fir-reat hi membru tal-Pulizija, b’sorsi qalu li kkollaborat ħafna mal-investigaturi.

B’dawn l-iżviluppi, il-Pulizija mistennija tressaq liż-żewġt’irġiel il-Qorti l-Ħadd u tixlihom bid-delitt li fl-istorja tal-omiċidji f’Malta jista’ jkun l-ewwel wieħed b’riħa razzista. Jumejn wara d-delitt, TVM kien irrapporta li l-mibgħeda razzjali kienet fuq nett tal-mottivi kunsidrati mill-investigaturi.

Reazzjoni mill-Prim Ministru u l-NGOs

F’reazzjoni fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja l-Pulizija tax-xogħol tagħhom u sostna li s-suspettati ma jirrappreżentawx it-twemmin tal-Forzi Armati, li qed jagħmlu ħidma importanti fis-soċjetà.

Il-Prim Ministru qal li qed issir investigazzjoni interna biex ikun determinat jekk dawn humiex każijiet iżolati jew parti minn ċirku ikbar. Sostna madanakollu li Malta huwa pajjiż sigur għal kulħadd.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Aditus, il-Fondazzjoni Integra u JRS Malta wkoll irringrazzjaw lill-Pulizija għax-xogħol tagħhom biex issir ġustizzja.

Qalu li Lassine kien fil-mira tal-attakk sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda, u jittamaw li dan l-arrest jagħti ftit paċi lill-familja tiegħu, kif ukoll liż-żewġ immigranti oħra li kienu feruti fl-attakk.

Ara wkoll:

Qtil Ħal Far: Il-vittma miet b’tir f’rasu

Jista’ jkun li l-qtil f’Birżebbuġa fih riħa razzista?

“Tlift ħabib kbir, ma ninsewk qatt” – kollegi Maltin tal-immigrant maqtul f’Birżebbuġa

Aħbarijiet Oħra
Droga

L-Aġenziji li jaħdmu mal-vittmi tad-droga fosthom is-Sedqa u l-Caritas huma tal-fehma li l-użu rikreattiv tal-kannabis m’għandux ikun promoss għax ikattar il-kultura favur l-abbuż tad-droga. Din il-fehma intweriet waqt il-programm Dissett…

Partit Nazzjonalista

Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono qalet fi stqarrija li sabet li 84 mill-200 firma fil-petizzjoni li titlob biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jiddiskuti l-ġejjieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista huma…

Lokali

Ta’ tnax-il sena sofriet diżabilità minħabba mard u wara ħafna snin ta’ żwieġ kellha tifel bil-kundizzjoni down syndrome. Minkejja l-isfidi, Lorraine Pellicano tgħid li Thomas berkilha ħajjitha u ħerqana li…

Lokali

Meqjusa fost l-ewwel tobba f’Malta li bdiet taħdem bla heda mal-vittmi tad-droga, ħidmet it-tabiba Maria Sciberras tfakkret f’konferenza f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Sedqa u fil-jum internazzjonali kontra l-abbuż u…

Aktar