Kronaka
Raġel arrestat wara li ħebb għal tliet persuni fl-Imsida

Raġel ta’ 20 sena mis-Senegal li jgħix l-Imsida ġie arrestat wara li allegatament ħebb għal tliet persuni fl-Imsida stess.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tal-11.30am x’ħin ġiet infurmata li mara u raġel ġew aggrediti fi Triq Ċensu Farruġia u raġel ieħor ġie aggredit fi Triq il-Wied.

Il-Pulizija qalet li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-allegat aggressur l-ewwel ħebb għal mara ta’ 36 sena residenti l-Imsida, waqt li kienet miexja.

Dak il-ħin, kien għaddej raġel ta’ 38 sena, li wkoll jgħix l-Imsida, li malli ra lill-agressur iħebb għal din il-mara, niżel mill-karozza u rnexxielu jwaqqfu milli jħebb għal mara oħra li kienet miexja, bil-konsegwenza li r-raġel safa aggredit mill-istess persuna.

Irriżulta li l-aggressur baqa’ sejjer lejn Triq il-Wied u ħebb għal raġel ta’ 67 sena, residenti San Ġiljan.

Fuq il-post marru l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fejn tfittxija li saret sabu lill-allegat agressur u arrestawh. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Imsida għall-aktar investigazzjonijiet.

Il-mara ta’ 36 sena ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, waqt li ż-żewġt irġiel ingħataw ilkura f’ċentru tas-saħħa. Huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.