Kronaka
Raġel arrestat wara li nqabad bil-kokaina fil-karozza

Raġel ta’ 30 sena li jgħix il-Gżira kien arrestat matul il-lejl li għadda f’operazzjoni tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienet ilha xi ħin issegwi vettura sakemm ġiet imwaqqfa fix-Xatt ta’ Pinto, il-Floriana.

Waqt li r-raġel ġie arrestat saret tfittxija fil-vettura, bil-Pulizija sabu ammont konsiderevoli ta’ sustanza, allegatament kokaina. Ir-raġel ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ.

Bis-sejba kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.