AĠĠORNAT: Ir-raġel li nqabad b’1.8 kilos kokaina jibqa’ miżmum taħt arrest

Ir-raġel ta’ 30 sena mill-Belt li lbieraħ kien arrestat f’Birkirkara wara li fil-karozza l-Pulizija sabulu b’1.8 kilos kokaina f’Birkirkara baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq fil-Qorti.

Christian Scerri kien arrestat mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi u mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fi Triq Borg wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija.

Li kieku nbiegħet fit-triq id-droga kienet iġġib ftit iktar minn €100,000.

Minbarra d-droga kokaina, li nstabet fuq is-‘seat’ ta’ quddiem, il-Pulizija sabitlu wkoll ammont żgħir ta’ kannabis u flus kontanti.

L-avukati tiegħu Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran qalu fil-Qorti li Scerri huwa raġel tajjeb imma li jinsab f’sitwazzjoni ħażina u talbu għall-ħelsien mill-arrest.

Madankollu l-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Steven Ryan Micallef, oġġezzjonat anke għall-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien u għalhekk Scerri baqa’ miżmum il-Ħabs.