Droga
Raġel arrestat wara sejba tad-droga

Ilbieraħ filgħaxija ġie arrestat raġel ta’ 29 sena b’rabta ma’ pussess tad-droga.

Waqt li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qegħdin fil-Fgura, innutaw lir-raġel jaġixxi b’mod suspettuż waqt li kien f’vettura.

Il-Pulizija avviċinaw lir-raġel u wara tfittxija fuqu u fil-vettura, instabet sustanza suspettata droga sintetika.

Ir-raġel, li huwa residenti Birżebbuġa, ġie arrestat fuq il-post u ttieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.

Huwa mistenni jitressaq b’arrest il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.