Raġel Awstraljan jinqatel minn kelb il-baħar

Raġel Awstraljan miet waqt li kien qed jgħum wara li safa attakkat minn kelb il-baħar f’Byron Bay fi New South Wales.

Ir-raġel minn Byron Bay li għandu fuq il-ħamsinijiet, ingidem f’saqajh il-leminija minn kelb il-baħar meta kien qed jgħum mhux aktar minn 20 metru ‘l bogħod mill-bajja ewlenija.

Michelle Campano, xhud fuq il-post li qiegħda għal btala fl-inħawi kienet ikkwotata tgħid kemm kienet esperjenza kerha tara x-xena sseħħ quddiema u li l-belt kollha tinsab ixxukjata.

Qalet ukoll li ħafna bdew jgħajjtu biex kulħadd joħroġ mill-ilma u li l-awtoritajiet damu mat-tliet kwarti biex għalqu l-barra.

Kelliema għall-ambulanza kkonfermat li taw l-ewwel għajuna lil raġel li sofra ġrieħi gravi f’saqajh wara li ttella mill-baħar għall-ħabta tal-11 a.m. minn raġel li kien fuq ‘paddle boat’ u li tabib għamel li seta biex isalvah imma kien għalxejn.

Mart il-vittma ukoll rat l-inċident kollu jseħħ quddiem għajnejha.