Lokali
Raġel bi ġrieħi gravi f’argument f’Tas-Sliema

Libjan ta’ 27 sena mill-Imsida sofra ġrieħi gravi u kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’argument.

Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li lbieraħ, għall-ħabta tal-23:00, waqt li kien fi Triq Birkirkara, San Ġwann, dan il-Libjan kellu argument ma’ Libjan ieħor ta’ 27 sena, li joqgħod Tas-Sliema.

Huma telqu minn San Ġwann, saqu wara xulxin u l-argument kompla f’parkeġġ li jinsab fi Triq it-Torri, Tas-Sliema. Waqt l-argument intużat sikkina u l-Libjan li jirrisjedi l-Imsida sofra xi ġrieħi.

Il-midrub ħarab minn fuq il-post u ttieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.