Kronaka
Raġel bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn żewġ dgħajjes

Raġel weġġa’ gravi wara inċident bejn żewġ dgħajjes bejn Kemmuna u l-port tal-Imġarr, Għawdex.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-22:15 bejn dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 27 sena mill-Maċedonja residenti ż-Żebbuġ, Għawdex u dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 48 sena residenti n-Naxxar u li flimkien miegħu kien hemm mara ta’ 35 sena residenti n-Naxxar ukoll.

Ir-raġel ta’ 27 sena ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie iċċeritifkat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Iż-żewġ persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Bil-każ ġie nfurmat il-Magistrat tal-Għassa Dr P. Coppini LL.D. li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata.