Kronaka
Raġel bi ġrieħi gravi wara li tilef il-kontroll tar-rota fir-Rabat

Raġel ta’ 31 sena mill-Latvja, qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra waqt li kien qed isuq ir-rota.

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-20:30, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Bieb ir-Ruwa, ir-Rabat, minħabba li kien hemm inċident u hemm nies li sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab ċiklist fl-art b’numru ta’ ġrieħi u kien qiegħed jingħata l-assistenza minn xi persuni li nzertaw fl-inħawi.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li ċiklist – ir-raġel ta’ 31 sena – tilef il-kontroll u kellu impatt ma’ ħajt ta’ sejjieħ.

Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.