Raġel ferut wara li sfronda saqaf fiż-Żurrieq

Raġel ta’ 35 sena miż-Żurrieq sofra ġrieħi gravi meta dalgħodu sfronda saqaf ta’ dar fiż-Żurrieq stess. L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.15 ta’ dalgħodu fi Sqaq San Kristofru.

TVM infurmat li fil-ħin tal-inċident kienu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fuq id-dar, li hija antika, meta sfronda s-saqaf tal-ewwel sular bir-raġel.

Ir-raġel, li skont xhieda fuq il-post kien konxju, ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza. Fuq il-post marru wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili.