Barranin
Raġel fi Spanja akkużat li qatel lil ommu u kiel partijiet minnha

Raġel ta’ 28 sena beda jgħaddi ġuri fi Spanja, fejn qed ikun akkużat li qatel lil ommu ta’ 66 sena, qattagħha biċċiet, u kiel partijiet minnha.

Alberto Sánchez Gómez kien arrestat sentejn ilu meta l-pulizija għamlu tfittxija fid-dar t’ommu, wara li sar rapport minn persuna viċin il-familja li rrapportat lill-mara nieqsa.

Fid-dar tal-anzjana f’Madrid instabet xena makabra, b’partijiet mill-katavru tagħha mferrxin f’postijiet differenti, uħud miżmuma f’kontenituri tal-plastik.

L-akkużat qal fil-Qorti li ma jiftakarx li qatta’ lil ommu biċċiet jew li kiel minnha, iżda kien irrapportat li meta nġabar mill-Pulizija, ammetta li kien faga lil ommu, u li ġieli kiel minnha hu jew għalef lill-kelb.

Il-midja Spanjola tirrapporta li l-akkużat kien ibati minn disturbi tal-personalità u kien jabbuża mid-droga. Intqal ukoll li kien diġà magħruf mal-Pulizija minħabba vjolenza kontra ommu, María Soledad Gómez, tant li kienet inħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tagħha.