Lokali
Raġel fil-periklu tal-mewt wara li l-karozza nqelbet u ħadet in-nar

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt u ieħor midrub gravi wara inċident tat-traffiku f’San Ġiljan. L-inċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tat-3am fi Triq Sant’ Andrija meta karozza kellha impatt ma’ concrete crash barrier, inqalbet u ħadet in-nar.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili  fejn sabu vettura maqluba tieħu nar u żewġt irġiel jingħataw l-assistenza minn Kuntistabbli off-duty u persuna oħra. Il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jiktrollaw in-nirien, filwaqt li tim mediku bdew jagħtu l-assistenza medika lill-irġiel.

Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li, għal xi raġuni, il-vettura tal-għamla Toyota Auris kellha impatt ma’ concrete crash barrier, inqalbet u ħadet in-nar. L-irġiel inħarġu mill-vettura mill-Kuntistabbli off-duty u l-persuna oħra, u baqgħu jassistu sakemm waslu fuq il-post il-paramediċi.

L-irġiel li huma Taljani, ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-kura. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.