Kronaka
Raġel fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur

Taljan ta’ 51 sena residenti l-Munxar, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-00.15am fi Triq ix-Xlendi, il-Munxar, Għawdex.

It-Taljan kien qiegħed isuq mutur tat-tip Ducati meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u waqa’. Il-mutur u x-xufier baqaw jitkaxkru għal diversi metri sakemm ħabtu ma’ vettura Toyota Starlet li kienet tinsab ipparkjata.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Magistrat tal-Għassa Simone Grech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.