Kronaka
Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn gallarija

Raġel ta’ 34 sena min-Nepal jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ mill-gallarija ta’ residenza f’Tal-Pietà.

Kien tard ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-11.30 p.m., li l-Pulizija ġiet infurmata li kienet waqgħet persuna f’Telgħet Gwardamanġa.

Il-pulizija tad-distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular.

Tim mediku ta l-għajnuna lir-raġel li ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret inkjesta waqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ.