Qorti
Raġel ħati li sakkar lil martu u wliedhom f’kamra

Raġel ta’ 30 sena minn Birkirkara tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li nstab ħati li kkaġuna biża’ lil martu u lill-ġenituri tagħha kif ukoll żammha kontra l-volontà tagħha.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tal-familja, kien mixli mill-Ispettur Eman Hayman li fit-2 ta’ Ottubru 2020, u fil-ġranet, ġimgħat jew xhur ta’ qabel, beżża’ lill-mara tiegħu u lill-ġenituri tagħha kif ukoll li żammha kontra l-volontà tagħha.

Il-koppja kienet tgħix mal-ġenituri tal-mara li anke ħallewh jagħmel gallinar bit-tjur biex ma jaqilgħux l-inkwiet bejn binthom u żewġha anke jekk ma riedux.

Kemm il-mara kif ukoll il-ġenituri tagħha xehdu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-komportament tar-raġel.

Mix-xhieda jirriżulta li r-raġel kien pussessiv u ried li dejjem tgħaddi tiegħu.

Minkejja li kien jgħix fid-dar tal-ġenituri tal-mara huwa ma riedhomx jaraw lit-tfal meta jridu u lanqas li jgħinuha.

Huwa ma kienx ikun iridha toħroġ u tħalli lit-tfal miegħu u meta darba staqsietu dwar xi flus kellhom qalilha li aħjar ma tkunx taf għax inkella tonfoq kollox.

Waqt l-argument kisser frame u meta darba oħra kellhom argument ieħor qalilha li wara li kisser frame aħjar toqgħod attenta li ma jiġrix xi ħaġa lilha.

Darba waqt argument ieħor heddidha li jisseparaw u jeħdilha t-tfal kif ukoll li jekk tieħu t-tfal għand il-ġenituri joqtolha.

Huwa kien sakkar ukoll lil martu u lil uliedu fil-kamra fejn kienu jgħixu fiha meta darba ħareġ jixtri xi ikel.

Għalkemm ir-raġel ċaħad dan kollu, il-Maġistrat Vella kkonkludiet li l-komportament tiegħu lejn martu kien wieħed totalment inaċċettabbli u ta’ min jistmerru.

Hija qalet li l-ebda persuna f’koppja ma għandha tittratta lill-parti l-oħra bilmod kif għamel l-imputat fil-konfront ta’ martu.

“L-ebda mara, wisq inqas mara li għadha kemm għaddiet mit-twelid ta’ tewmin u għaddejja bit-trobbija tagħhom – u biex tkompli żżid tkun ukoll qed taħdem fl-istess ħin – ma għandha tiġi abbandunata bil-mod kif l-imputat effettivament abbanduna lill-martu bl-idejat retrogradi tiegħu”.

Hija qalet li għalkemm l-imputat seta’ kien qiegħed hemm fiżikament, ħaġa li lanqas tant jidher li kien qiegħed għaliex jew kien ikun ix-xogħol jew inkella jieħu ħsieb il-ħamiem, bl-għażla tiegħu li jiżola lil martu minn kulħadd u minn kull tip u forma ta’ għajnuna jew żvog, huwa ġie li pratikament abbandunaha għal rieħa u ippretenda li taqdef għal rasha”.

Il-Maġistrat Vella żiedet li l-imputat naqas milli jifhem xi tfisser tkun ir-raġel ta’ mara u għalkollox naqas milli jifhem xi tfisser tkun missier.

Hija saħqet li l-bżulija u l-flus ma humiex kollox anzi f’ċerti mumenti tal-ħajja, bħalma huma l-ewwel xhur tal-ħajja ta’ wild, dawn kważi kważi ma jfissru xejn għaliex il-persuna li tkun il-ħin kollu qed tieħu ħsieb it-trabi l-iktar ħaġa li jkollha bżonn hija għajnuna u sapport u mhux issib ħajt quddiemha li qed jaqtagħha minn kollox u minn kulħadd.

“L-imputat ma kienx hemm għall-martu fl-affarijiet li verament kellha bżonn mingħandu. It-tisjir u xi affarijiet oħra li jsiru ġod-dar lanqas jibdew ma’ dak li l-mara verament kellha bżonn, anzi li kellha kull dritt teżiġi mingħand żewġha. L-ulied huma tal-koppja u mhux ta’ komponent wieħed biss tal-koppja u għaldaqstant l-isbuħija totali tat-tfal iżda anke s-sagrifiċċi u x-xogħol kbir involut fit-trobbija tagħhom
għandhom jiġu esperjenzati u jinġarru mill-koppja u mhux minn wieħed minnhom
biss”.

Il-Maġistrat Vella iddeskriviet lill-mara bħala waħda “distrutta u ddisprata” għaliex il-persuna li suppost l-iktar li jħobbha, lilha u lill-uliedha, abbandunaha kompletament sempliċiment biex juri lil kulħadd, u iktar u iktar lill-ġenituri tagħha, li huwa seta’ jirnexxi u jrabbi lil wliedhom mingħajr l-għajuna ta’ ħadd, partikolarment tagħhom.

Waqt li sabitu ħati li beżża’ lil martu u lill-ġenituri tagħha u li żammha kontra l-volontà hija ma sabitux ħati li ta fastidju lil martu u lill-ġenituri tagħha u li permezz ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika heddidha.

Hija kkundannatu tliet snin probation hija ordnatlu biex b’ebda mod ma jikkomunika jew jiltaqa’ magħha, ħlief fuq it-tfal, u wissietu li jekk jikser din l-ordni jeħel multa ta’ €7,000.

Ir-raġel se jappella minn din is-sentenza.