Qorti
Raġel jeħel għaxar snin ħabs fuq żewġ każi ta’ traffikar tad-droga

Brian Godfrey Bartolo ta’ 49 sena kien ikkundannat għaxar snin ħabs f’żewġ sentenzi separati fuq traffikar ta’ kannabis u kokaina f’każijiet li jmorru lura għall-2009 u l-2011.

Fil-każ li seħħ f’Lulju tal-2009, Bartolo ammetta li traffikka 287 gramma kokaina b’purità ta’ 41.7 perċentwali, 1829.91 gramma raża tal-kannabis b’purità ta’ 8.1 perċentwali, u li kien fil-pussess tad-droga eroina fl-ammont ta’ 0.19 gramma b’purità ta’ 35.2 perċentwali.

Fil-każ ta’ Jannar 2011, Bartolo ammetta għall-akkużi ta’ assoċjazzjoni għall-fini ta’ traffikar ta’ 981 gramma raża tal-kannabis b’purità’ ta’ 8.8 perċentwali.

Il-Qorti, li fiż-żewġ każijiet kienet ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, qieset li Bartolo huwa riċediv, fejn diġà ġie kkundannat fuq każijiet oħra marbuta mad-droga.

Qieset ukoll l-ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u r-rapport tal-uffiċjal tal-probation dwar il-progress li dan għamel f’ħajtu biex jirriforma ruħu, fejn anki kiseb kwalifiki akkademiċi.

Il-Qorti ddeċidiet li Bartolo għandu jibbenefika minn tnaqqis ta’ żewġ gradi fil-piena, u għażlet li ma titrattax miegħu fuq ir-reċidiva.

Fuq il-każ tal-2009 Bartolo kien ikkundannat 5 snin ħabs u multa ta’ €20,000, u kien ordnat iħallas €1,950 fi spejjeż tal-esperti, waqt li fuq il-każ tal-2011 kien ikkundannat 5 snin oħra ħabs u multa ta’ €12,000, kif ukoll €960 fi spejjeż.