Kronaka
Raġel jindarab gravi wara li allegatament qala’ daqqiet ta’ martell

Rumen ta’ 35 sena weġġa’ gravi f’argument bejn tliet persuni.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li llum, għall-ħabta tat-3.15pm żewġt irġiel,Ruman ta’ 35 sena u Kolombjan ta’ 45 sena marru l-Għassa ta’ San Ġiljan u allegaw li kienu għadhom kemm ġew aggrediti minn raġel ieħor. Ftit wara, daħal raġel ieħor ta’ 35 sena ġewwa l-Għassa u allega li kellu argument ma’ żewġ persuni.

Minħabba li Ruman kellu xi dmija, il-Pulizija talbet l-assistenza medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija rriżulta li kien qam argument bejniethom fi Triq San Ġorġ u allegatament, ir-Ruman sofra daqqiet ta’ martell.

Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.