Kronaka
Raġel jindarab gravi wara li nqabditlu idu f’high-up f’Ħal Qormi

Ħaddiem indarab gravi waqt li llum kien qed jagħmel xogħol f’Ħal Qormi. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident fi Triq l-Għadam għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin kwart.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 40 sena li joqgħod iż-Żurrieq, kien qabad idu ġo high-up waqt li kien qed jaħdem.

Hu ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed b’ambulanza l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.