Qorti
Raġel jinħeles mill-arrest wara li ġie mixli b’użura fuq €15,000

Raġel ta’ 37 sena li jgħix il-Fgura tressaq il-Qorti akkużat b’użura u b’theddid. Clayton Galea wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-avukati difensuri Arthur Azzopardi u Rene Darmanin għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Paul Camilleri u Hubert Cini m’oġġezzjonawx sakemm ikun hemm kundizzjonijiet adekwati, fosthom biex jipproteġu lill-allegat vittma. Qalu li s-somma involuta hija ta’ €15,000 u li Galea hedded lill-allegat vittma b’dan il-kliem: “Naf fejn int, int u l-familja.”

Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet it-talba għall-ħelsien fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija ta’ €3,000.

Imponiet ukoll numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li l-akkużat irid jiffirma l-għassa ta’ Raħal Ġdid tliet darbiet fil-ġimgħa u ma joħroġx mid-dar bejn il-11pm u s-6am. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.