Kronaka
AĠĠORNAT: Qal li ħaraq karozza ta’ uffiċjal tal-Pulizija bi żball – jinżamm arrestat

Denilson Manicaro ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid inżamm arrestat wara li ma ammettiex l-akkużi li ta n-nar karozza fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo f’Ħal Tarxien fil-31 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tas-2.00 ta’ filgħodu.

Meta dalgħodu tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, Manicaro lanqas ammetta li kien fil-pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Mario Sciberras, Jeffrey Scicluna u Paul Camilleri qalet li dwar il-każ saret inkjesta u li l-imputat inqabad minn filmati tal-kameras tas-sigurtà. Spjegaw li waqt l-investigazzjoni l-pulizija sabet 31 qartas, fosthom kokaina, fil-karozza tal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni qalet li Manicaro ammetta li ħaraq il karozza tal-għamla Toyota Vitz, li s-sid tagħha huwa uffiċjal tal-pulizija, iżda qal li ħa żball għax ried jaħraq karozza ta’ xi ħadd ieħor, li ma qalx min hu mal-pulizija.

L-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia talbu l-ħelsien mill-arrest għax l-akkuzat għandu kondotta nadifa u għax ikkopera mal-pulizija, minbarra li qalu li l-inkjesta dwar il-każ hija magħluqa.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li hemm persuna oħra li tista’ tispiċċa vittma tal-akkużat għax huwa qal li ried jaħraq karozza oħra, minbarra li għadhom għaddejjin l-investigazzjoniet, allura jista’ jkun hemm intralċ tal-provi.