Qorti
Raġel jinqabad bid-droga wara li l-Pulizija rċeviet rapporti ta’ ġemgħa f’appartament

Ahmed Ali Bin Amir, Libjan ta’ 37 sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ pussess ta’ droga kannabis u kokaina li nstabu f’ċirkustanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu.

Fil-Qorti, l-Ispetturi Justine Grech u Ryan Vella xehdu li fl-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar daħlu rapporti li kien hemm ġemgħa ta’ nies miġbura f’appartament fl-istess lokalità,  Il-prosekuzzjoni qalet li l-uffiċjali tal-Pulizija bdew ixommu riħa qawwija ta’ kannabis meta marru fil-post u fl-appartament instabu żewġ persuni.

Minn tfittxija li saret fl-appartament, il-prosekuzzjoni qalet li nstabu tliet pjanti tal-kannabis, sustanza suspettata kannabis lesta biex tiġi traffikata u ammont sostanzjali ta’ kokaina, miżien u flus kontanti. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat li l-Libjan jibqa’ miżmum arrestat minħabba fost oħrajn li m’għandux qraba f’Malta u ma jaħdimx.