Qorti
Raġel jinqabad b’sikkina mgeżwra f’sarvetta – biha kien jhedded lis-sieħba

Raġel ta’ 47 sena li jgħix Tal-Pietà kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li ħebb u hedded lis-sieħba.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità tas-sieħba, kien mixli mill-Ispettur Joanna Piscopo li fit-8 ta’ Ottubru 2020, u fil-ġranet ta’ qabel, ikkaġuna lis-sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, li ħebb għaliha u nsulentaha.

Il-mara xehdet kif dakinhar kienet qed tlesti biex tmur tagħmel xagħrha meta daħal huwa daħal fis-sakra u beda jitkellem ħażin u joffendiha.

Hija ħarġet tiġri mill-appartament u x’ħin irritornat sabitu b’sikkina li kien iżommha mgeżwra f’sarvetta u kien jheddidha biha.

Il-mara qalet li ġimagħtejn qabel kien taha daqqa ta’ ponn u saħet li din ma kinitx l-ewwel darba li sawwatha u li anke refa’ jdejh fuqha meta kienet tqila bit-tifel u darba pprova jifgaha.

Hija żiedet li m’għamlitx rapport għal kull każ ta’ vjolenza domestika biex ma jiżdiedux il-problemi li għandu.

Min-naħa tiegħu l-akkużat qal li dakinhar kienet hi li bdiet tgħajjat u twerżaq miegħu u allega li riditu jinżel joqtol lill-ġar wara argument bejniethom.

Huwa ċaħad li heddiha b’sikkina u akkużaha li ma kinitx tagħti każ tad-dar waqt li ammetta li kellu problema ta’ alkoħol.

Wara li semgħet ukoll jixhdu pulizia kif ukoll ‘social workers’ il-Maġistrat Gabriella Vella emmnet il-verżjoni tal-mara fosthom anke għax il-Pulizija sabet is-sikkina mgeżwra fis-sarvetta.

Hija ddeskriviet ix-xhieda tar-raġel bħala waħda li mhux kredibbli u sabitu ħati li heddidha u li ħebb għaliha.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza hija qieset li s-‘social worker’ li rah ikkonkluda li piena effettiva ta’ ħabs ma tkunx ideal u li r-raġel kien jeħtieġ l-għajnuna psikjatrika minħabba l-vizzju tax-xorb.

Kien għalhekk li waqt li kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa ordnatlu li jikkomunika biss mal-mara fuq it-tifel u wissietu li jekk idejjaqha jeħel multa ta’ €7,000.