Lokali
AĠĠORNAT: Raġel jinżamm arrestat wara li nqabad b’700 gramma kokaina u eluf f’kontanti

Raġel ta’ 46 sena li joqgħod il-Belt Valletta nżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Qorti bi traffikar tad-droga kokaina.

Josef Sharfid kien akkużat ukoll li nhar is-17 ta’ Settembru li għadda kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina, wettaq reati ta’ ħasil ta’ flus, u li huwa riċediv. Huwa ċaħad l-akkużi.

Iktar kmieni l-Pulizija qalet li r-raġel inqabad wara investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fejn twaqqaf fi Triq Victor Denaro, l-Imsida.

Intqal li malli r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija pprova jaħrab u rema pakkett suspettuż. Mill-ewwel analiżi li saret, il-pakkett instab li kien fih diversi kapsoli b’sustanza suspettata droga kokaina li tammonta għal madwar 700 gramma.

Fuq ir-raġel instabu €13,000 fi flus kontanti u minn aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu instabu €14,000 oħra.

Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.

Ir-raġel inżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana sakemm tressaq il-Qorti tard dalgħodu. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.