Kronaka
Aġġornat: Raġel jinżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra mara f’daru f’Tas-Sliema

Raġel ta’ 30 sena mill-Ġermanja dalgħodu tressaq il-Qorti taħt arrest, fejn kien mixli li stupra mara.

Ir-raġel kien mixli li fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 t’Ottubru wettaq penetrazzjoni sesswali bla kunsens fuq mara. Allegatament ir-reat twettaq fl-appartament li l-akkużat jgħix fih f’Tas-Sliema.

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, huwa ċaħad l-akkużi, bid-difiża titlob għall-helsien mill-arrest għax qalet li din l-akkuża tista’ tkun biss allegazzjoni, u l-Ġermaniż jista’ jinstab li huwa innoċenti.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-każ u għax l-akkużat m’għandux rabtiet ma’ Malta, kif ukoll minħabba li l-vittma għad trid titla’ tixhed.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Magistrat Yana Micallef Stafrace, wara li qieset l-argumentazzjoni, qalet li fiċ-ċirkustanzi ser tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet lill-prosekuzzjoni li ttella’ l-Qorti x-xhieda kemm jista’ jkun malajr, ħalli l-akkużat ma jinżammx arrestat fit-tul.

Il-Prosekuzzjoni talbet li l-ismijiet kemm tal-akkużat u tal-vittma ma jixxandrux, bil-Qorti laqgħet it-talba.