Lokali
Raġel jitlef ħajtu f’ħabta bejn mutur u double decker f’Għawdex

Libjan ta’ 28 sena residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fin-Nadur, Għawdex.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tas-12.45 p.m. fi Triq ir-Rabat, in-Nadur.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħ impatt bejn mutur li kien qed isuq ir-raġel Libjan u vettura double decker li kien qed isuq raġel ta’ 61 sena residenti Santa Luċija.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn tilef ħajtu ftit tal-ħin
wara.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ħatret inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Għawdex.