Kronaka
Raġel jitlef ħajtu waqt li kien qed jgħum fid-Dwejra Għawdex

Raġel ta’ 60 sena residenti l-Imsida tilef ħajtu waqt li kien qed jgħum fil-bajja tad-Dwejra, f’Għawdex.

Kienu għall-ħabta tal-5.15pm, xħin il-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kienet tinstab f’diffikultà fil-baħar.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum. Huwa ttellgħa l-art u ingħata l-ewwel għajnuna minn Kuntistabbli u persuni li kienu fil-qrib.

Tim mediku mill-Isptar Ġeneral t’Għawdex kien imsejjaħ sabiex jgħati l-assistenza medika iżda sfortunament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta rrikorrew ukoll fuq il-post.

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Simone Grech li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.