Kronaka
Raġel jitlef ħajtu wara li waqa’ sitt sulari f’Wied il-Għajn

Raġel mill-Mali li joqgħod Ħaż-Żabbar tilef ħajtu wara li waqa’ minn għoli f’sit ta’ kostruzzjoni f’Wied il-Għajn.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienet infurmata bil-każ fi Triq is-Silla għall-ħabta tat-7.45am.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija, irriżulta li r-raġel waqa’ madwar sitt sulari għoli. Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jagħti l-ewwel għajnuna imma sfortunatament ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.