Kronaka
Raġel jittella’ mejjet wara li nstab fuq dinghy

Xena makabra għal membri tal-Forzi Armati li marru jassistu fuq dinghy f’nofs ta’ baħar. Sab wieħed mill-immigranti stirat mejjet u ieħor f’kundizzjoni gravi. Il-katavru tal-mejjet ittella’ fuq patrol boat waqt li l-immigrant li kien għadu ħaj, ittella’ bil-ħelikopters biex jittieħed b’aktar ħeffa l-isptar Mater Dei għall-kura.

Il-Forzi Armati ħarġu ritratt taż-żewġ persuni li sabu fuq id-dinghy. S’issa mhux magħruf jekk kien hemm persuni oħra fuq dan id-dinghy għax mhux normali li fuq id-dinghy ta’ dan id-daqs ikun hemm biss żewġ immigranti.

Il-ħidma tal-Forzi Armati bejn sema u ilma, tkompli ma’ ħidmiet oħra li għaddejin fl-aħħar sigħat filwaqt li mil-lat diplomatiku jidher li għadhom għaddejjin kuntratt bejn il-Kummissjoni Ewropea u diversi gvernijiet dwar l-immgiranti abbord il-vapur Open Arms ta’ għaqda mhux governattiva Spanjola. Il-Forzi Armati għamlu evakwazzjoni medika ta’ tmien immigranti minn dan il-vapur li kellhom bżonn kura medika urġenti. Malta kien offriet ukoll li taċċetta 39 immigranti li nġabru miż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta iżda s’issa m’hemmx qbil dwar l-iżbark tal-immigranti li fil-bidu tax-xahar inġabru min dan il-vapur minn qrib il-kosta Libjana.

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, fi tweet qal li Malta salvat lill-immigrant li kien qiegħed fuq id-dinghy u daħlet ukoll lill-immigrant li kien mejjet. Sostna li dan hu dak li jagħmlu l-Forzi Armati ta’ Malta kuljum u enfasizza li Malta ma tistax tagħmel dan weħidha.

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, UNHCR, ħeġġet lill-Ewropa tħalli lill-507 immigrant salvati, 151 fuq l-Open Arms u 356 oħra fuq il-vapur Ocean Viking, biex jintiżżlu l-art. Qalet li din hi ġirja kontra l-ħin minħabba li ġejjin xi maltempati fuq l-ibħra u l-kundizzjonijiet tal-immigranti se jiħżienu.

Intant, f’kumment fuq Facebook, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, qal li għalkemm Malta hi waħda mill-iżgħar pajjiżi fid-dinja, għandha wkoll l-obbligu morali li titkellem favur dawk l-iżjed vulnerabbli. Qal li l-Oppożizzjoni qed tħeġġeġ lill-Gvern biex idaħħal lil dawn il-persuni vulnerabbli li bħalissa jinsabu għal riħhom fuq il-vapuri tas-salvataġġ.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ħafna mill-bdiewa qed jilmentaw li ser jibqgħu bil-patata ma’ wiċċhom minħabba nuqqas ta’ domanda mis-suq kemm f’Malta kif ukoll mis-swieq tal-esportazzjoni minħabba li din ukoll intlaqtet mill-Covid-19. Television Malta jinsab…

Immigrazzjoni

Mill-inkjesta tal-Maġistrat Joe Mifsud dwar l-allegazzjonijiet ta’ omiċidju volontarju, ħareġ fost oħrajn li wieħed mill-immigranti li ġew salvati kellu kuntatt fuq il-mobile ma’ persuna f’Malta. Ħareġ ukoll li l-immigranti qalulu…

COVID-19

Il-Malta Police Association qalet li l-amnestija għall-multi li weħlu ċertu individwi, minħabba l-miżuri li daħlu fis-seħħ minħabba Covid 19 meta nġemgħu fi gruppi kontra l-avviżi legali, hija insult kbir għall-ħidma…

Aktar