Lokali
Raġel jixhed li missieru kien jipprova d-drogi fuqu

F’waħda mill-ewwel sentenzi mill-introduzzjoni tal-liġi dwar id-dipendenza mid-droga, raġel ta’ 43 sena ngħata sentenza ta’ ħabs sospiża fuq traffikar tal-eroina li huwa stess kien dipendenti fuqha.

Il-Qorti semgħet lil Malcolm Tanti ta’ 43 sena minn San Ġiljan jgħid kif irnexxielu jegħleb il-vizzju li kellu minn ċkunitu wara li missieru kien jipprova d-drogi fuqu. Il-każ ta’ Tanti beda fl-2009 meta ġie arrestat waqt li kien qed jipprova jbigħ id-droga. Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li r-reati ta’ Tanti ġraw minħabba d-dipendenza tiegħu fuq id-droga tant li fiż-żmien tal-każ li nqabad bih, huwa qed jikkonsma tliet pakketti eroina kuljum.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras rat ukoll li l-akkużat għamel sforzi kbar biex fl-aħħar snin jegħleb il-vizzju. Fid-dawl tal-liġi l-ġdida dwar id-dipendenza mid-droga, li tħares iktar lejn trattament flok il-priġunerija, Tanti nghata sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.