Qorti
Raġel jiżżewweġ biex jipproteġi ħajjet ibnu… imħallef tannulla ż-żwieġ

Imħallef annullat żwieġ wara li rriżulta li l-ġuvni kien imġiegħel jiżżewweġ lit-tfajla mill-familja tagħha wara li saru jafu li kien ħariġha tqila.

Il-koppja żżewġet fl-1999 bir-raġel jitlob lill-Qorti tal-Familja tannulla ż-żwieġ għax sostna li żżewweġ kontra qalbu u li matul iż-żwieġ iktar għexu b’mod separat tant li l-intimità sesswali bejniethom kienet ineżistenti.

Mill-provi li tressqu quddiem l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima rriżulta li meta ltaqgħu l-ġuvni kellu 20 sena u t-tfajla 16-il sena.

It-tnejn li huma kienu jgħixu ħajja ta’ xalar u partying u l-problemi bdew ftit wara li t-tfajla ħarġet tqila.

Skont ir-raġel missierha u r-raġel t’oħtha marru d-dar t’ommu jgħajtu u jistaqsuh x’se jagħmel waqt li ommha marret għalih b’sikkina u qaltlu li riedet lit-tifla tagħmel l-abort “minħabba l-mistħija tan-nies”.

Għalkemm it-tfajla riedet tagħmel abort hu le u għalhekk aċċetta li jiżżewweġ biex it-tarbija ma titwelidx barra ż-żwieġ. Madankollu kienu baqgħu joħorġu, ħafna drabi għalihom, u t-tifel iħalluh mal-qraba.

Min-naħa tagħha l-mara qalet li huwa minn dejjem kien possessiv u akkużatu li anke kien isawwatha.

Hija ammettiet li meta ħarġet tqila kien żmien diffiċli għaliha għax “il-valuri tal-familja tagħha ma kienux jippermettu tarbija barra ż-żwieġ” u waqt li ċaħdet li l-familja tagħha riedet li tagħmel abort sostniet li kienet iz-zija tiegħu li offritilha li tgħinha tagħmel dan.

It-tnejn li huma anke akkużaw lil xulxin li waqt iż-żwieġ kellhom relazzjonijiet ma’ persuni oħra.

Wara li semgħet lill-koppja u qraba oħra l-Imħallef Padovani Grima rrimarkat li ħadd minnhom ma kien preparat għaż-żwieġ u l-unika ħaġa li żammithom flimkien kienet l-imħabba għat-tifel.

Hija żiedet li l-għerusija tagħhom kienet mibnija fuq divertiment u xalar u saħqet li hija moralment konvinta li r-raġel iżżewweġ biex jipproteġi ħajjet ibnu.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li hija laqgħet it-talba tar-raġel u annullat iż-żwieġ.