Lokali
Raġel li nqabad b’€160,000 fl-ajruport mixli b’ħasil ta’ flus

Somalu ta’ 40 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ reati marbuta ma’ ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa. L-akkużat Ali Muuse Igaale, li huwa figura prominenti tal-komunità Somala f’Malta nqabad  jipprova jitlaq minn Malta lejn Istanbul b’€160,000 fi flus mhux iddikjarati. Huwa ġie arrestat fl-ajruport fit-22 ta’ Awwissu li għadda u baqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Fil-qorti ngħad li s-suspettat ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar tmien snin u jmexxi ħanut tal-ħwejjeġ u ieħor tax-xagħar fil-Ħamrun. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li l-akkużat naqas milli jiddikjara d-dħul kollu tiegħu bejn l-2018 u l-2020.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Oriana Spiteri xehdet li l-Pulizija ma setgħetx tiskopri s-sors ta’ minn fejn kienu ġejjin dawn l-eluf kollha.

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb li dehru għall-akkużat qalu li Muuse Igaale għandu rabtiet ma’ Malta u kien jgħin bosta Somali biex isibu impjieg u jibnu ħajjithom f’Malta.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li qieset li l-akkużat m’għandu ebda qraba Maltin u kien hemm riskju reali li jaħrab minn Malta.

Il-qorti nnotat ukoll li l-€10,000 li ngħata wara li nżamm arrestat, jidher li għebu għalkollox. Madankollu meta mistoqsi dwar dawn il-flus fil-ħabs, l-awtoritajiet tal-ħabs informaw lil Igaale li l-flus ma setgħux jinstabu. Il-kwistjoni qed tiġi investigata mill-Pulizija.