Qorti
Raġel li ta n-nar lil bieb ta’ dar bin-nies ġewwa jeħel piena eħrex ta’ ħabs

Raġel li kien ikkundannat erba’ snin u nofs ħabs talli ta n-nar lil bieb ta’ dar meta kien hemm in-nies ġewwa kellu l-piena miżjuda għal sitt snin wara li l-imħallef ikkonkludiet li din kellha tkun il-piena minima.

Martin Marco Baldacchino, li għandu 46 sena u jgħix Ħaż-Żebbuġ, kien ammetta qabel kellu jgħaddi ġuri li fl-24 ta’ Awwissu 2011, għall-ħabta tat-3.-00 p.m., ta n-nar lil bieb ta’ dar f’Ħal Qormi.

Dak il-ħin fid-dar, li tinsab fi Triq il-Kbira, kien hemm koppja u binhom kif ukoll xi ħaddiema li kienu qed jagħmu xogħol fuq il-bejt tar-residenza. Ħadd minnhom ma weġġa’ fl-inċident.

Mill-istħarriġ kien irriżulta li Baldacchino daħal wara l-ħasira, tefa’ ħwejjeġ imxarrba bil-fjuwil mal-bieb u tahom in-nar. Huwa pprova jaħrab imma nqabad minn kuntistabbli li nzerta ma kienx xogħol.

Wara li kien ikkundanant erba’ snin u nofs ħabs l-Avukat Ġenerali appella bl-Imħallef Edwina Grima tgħid li għall-akkużi li nġiebu kontrih Baldacchino kellu jingħata piena minima ta’ sitt snin ħabs.