COVID-19
Raġel Malti sid ta’ ristorant fi New York iqassam l-ikel b’xejn lill-ħaddiema tas-saħħa

L-Amerka, dinj’oħra. It-toroq u l-bini ma jispiċċaw qatt. Il-post, fejn bosta jgħumu fil-ġid. Pajjiż, iżda, mifqugħ sa ruħ ommu bin-nies. Qajla jkunu jafu bik in-nies. Aktarx, li kulħadd ifendi għal rasu. Minkejja dan, ġest ta’ solidarjetà, ikun fejn ikun, għid li dejjem se jispiċċa fuq fomm in-nies f’leħħa ta’ berqa. Il-pożittività u l-ġenerożità jinżlu għasel ‘il kulħadd.

Sebastiano Cappitta, raġel Malti ta’ dixxendenza Sqallija, lebbet lil hinn minn xtutna meta kien għadu ħalib ommu fi snienu. Mar jgħix Miami, iżżewweġ hemm, imbagħad reħielha lejn New York, fejn għadu jgħix sal-lum. Fi New York, Sebastiano spiċċa fetaħ għadd ta’ ħwienet tal-ikel.

Dan l-aħħar, lil Sebastiano qisha ħabbritu qalbu hekk kif b’kumbinazzjoni ftit qabel ma l-Covid-19 ġabet lid-dinja għarkupptejha, biegħ parti mill-operat tiegħu bil-għan li jkun jista’ jdur id-dinja bil-kwiet u xejn xejn ma jibqax mgħobbi b’daqstant responsabbiltà.

Ir-riedni tar-ristorant ‘Bettolona’, iżda, baqgħu f’idejh. Flimkien ma’ kollega tiegħu, f’dawn l-aħħar jiem, Sebastiano ħass li anki hu jista’ jagħti sehmu f’dawn il-jiem straordinarji. Minn jeddu, beda jqassam l-ikel b’xejn lil għadd ta’ ħaddiema tas-saħħa li jaħdmu minn sbieħ il-jum sa nżul ix-xemx fl-akkwati ta’ Morningside Heights f’Manhattan fi New York City.

F’kummenti lil tvm.com.mt, in-neputi ta’ Sebastiano, Gianluca Cappitta stqarr li ‘l zijuh dejjem jiftakru qalbu jagħtihielek. Qal, li minkejja s-suċċessi li kiseb mindu fetaħ ir-ristoranti fi New York u minkejja l-għadd ta’ ċelebritajiet li spiċċa għamel ħbieb magħhom hemm, zijuh dejjem baqa’ saqajh mal-art.

Donating to local Hospital

Gepostet von Bettolona am Freitag, 1. Mai 2020

Aħbarijiet Oħra
Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Barranin

Persuni li kienu qed isuqu minn ġo triq li taqsam foresta f’Bacau, fir-Rumanija, lemħu ors fil-ġenb tat-triq. Mara li kienet passiġġiera f’waħda mill-karozzi ddeċidiet li tinżel mill-vettura u tersaq qrib…

COVID-19

L-awtoritajiet Awstraljani fit-tieni l-aktar stat popolat, Victoria, qed jagħmlu minn kollox sabiex irażżnu l-imxija tal-coronavirus. L-istat premier Daniel Andrews ħabbar li mat-3,000 familja f’akkomodazzjoni tal-Gvern mifruxa f’disa’ torrijiet għoljin, se…

Attività

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun se jkun qed itella’ lejla Mużiko-Letterarja bil-għan li jiċċelebra Jum l-Eroj Żwieten għada fit-8pm fi ħdan Ġnien l-Għannejja Żwieten magħruf bħala Ta’ San Girgor, iż-Żejtun. Serata, li…

Aktar