
Sirjan ta’ 29 sena li jgħix Ħaż Żebbuġ, kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li allegatament kien aggredit fil-Mosta. B’rabta ma dan il-każ, il-pulizija qiegħda tfittex lill-allegat agressur.
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata mid-Dipartiment tal-Emerġenza li daħlet persuna feruta f’għonqha, b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta. Huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta tkellmu mal-vittma fejn irriżulta li seħħ argument bejnu u bejn Sirjan ieħor f’garaxx fi Triq il-Kappar, Mosta. Il-pulizija marru fil-post fejn seħħ l-argument, madankollu ma nstab ħadd.
Minnufih bdiet tfittxija għall-allegat agressur.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta għadhom għaddejjin.