Kronaka
Raġel midrub gravi wara li allegatament qala’ daqqa ta’ tazza f’San Pawl il-Baħar

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm persuna midruba fi Triq ix-Xtut, San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru mill-ewwel fuq il-post iżda l-vittma ma nstabitx.

Ftit wara, il-Pulizija ġiet infurmata li l-vittma kienet qiegħda tieħu l-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.

Hemmhekk, irriżulta li l-vittma – raġel ta’ 40 sena – kien ġie aggredit minn raġel u allegatament, qala’ daqqa ta’ tazza.

Ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar attenzjoni medika.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.