Qorti
Raġel mixli b’avvanzi sesswali fuq tfajla ġo toilet ta’ stabbiliment

Franċiż ta’ 49 sena nżamm arrestat wara li ġie akkużat li fi stabbiliment f’Paceville għamel avvanzi sesswali lil tfajla ta’ 16-il sena.

Lionel Seux, li meta mistoqsi x’jaħdem qal li ma jaħdimx minħabba li huwa diżabbli, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Quddiem il-Magistrat Natasha Galea Sciberras il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi John Spiteri u Leeroy Balzan Engerer, spjegat kif l-imputat kien fi stabbiliment f’Paceville meta ltaqa’ ma’ tfajla ta’ 16-il sena u daħħalha miegħu fit-toilet.

Kien hemmhekk li allegatament neża’ l-qalziet tiegħu u għen lit-tfajla tinża tagħha u mess il-parti tagħha u hi tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li kieku ma kienx għall-persistenza ta’ ħabiba tat-tfajla, li baqgħet tħabbat il-bieb sakemm daħlet fuqhom u waqqfet dak li kien qed iseħħ, il-kaz kien ikun wieħed ta’ sess ma’ minuri.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tar-reati li jġorru magħhom ‘l fuq minn 9 snin ħabs.

Hija qalet ukoll li hemm il-biża’ li s-suspettat jaħrab mill-pajjiż minħabba li hu kien f’pajjiżna biss għal vaganza kif ukoll li huwa jista’ jikkuntattja lit-tfajla peress li għandhom in-numru tal-mobile ta’ xulxin.

Min-naħa tagħha d-difiża qalet li r-raġel għadu preżunt innoċenti u ghalhekk m’għandux jinżamm il-ħabs kif ukoll semmiet li t-tfajla ma’ jidhirx li oġġezzjonatx għal dawn l-avvanzi.

Minkejja dan il-Magistrat Galea Sciberras ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest.