Qorti
Raġel mixli bi stupru ta’ tifla ta’ 11-il sena jitlef talba biex fil-ġuri ma tinstemax l-istqarrija li ta lill-Pulizija

Tliet imħallfin bidlu deċiżjoni ta’ mħallef ieħor dwar l-istqarrija li ta lill-Pulizija raġel li jinsab mixli bi stupru ta’ tifla ta’ 11-il sena.

Christoph Doll jinsab mixli li fl-10 ta’ Awwissu 2015, u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, ħa sehem f’attivitajiet sesswali mat-tifla, ikkorrompa lit-tifla meta suppost kellu jieħu ħsiebha, uża mezzi ta’ komunikazzjoni biex jiltaqa’ magħha ħalli jagħmlu s-sess, kellu materjal pornografiku u li kellu materjal indiċenti li fih tidher it-tifla.

Fit-trattazzjonijiet li jsiru qabel jinstema’ l-ġuri l-Qorti Kriminali laqgħet it-talba tad-difiża biex l-istqarrija li ta lill-Pulizija ma tinstemax fil-ġuri minħabba li ma kienx hemm avukat tal-għażla tiegħu preżenti.

Madankollu l-Avukat Ġenerali appella u l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallfin Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Aaron Bugeja, bidlu d-deċiżjoni u ordnaw li l-istqarrija tkun inkluża fil-ġuri.

Fid-deċiżjoni tagħhom huma rrimarkaw li l-imħallef li jisma’ l-ġuri għandu jidderiġi lill-ġurati dwar il-kwistjoni tal-istqarrija.