Lokali
Raġel ta’ 32 sena mixli bi stupru f’Paceville

Kolumbjan ta’ 32 sena li jaħdem bħala DJ inżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru ta’ tfajla f’Paceville. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur John Spiteri xliet lill-akkużat bi stupru wara li t-tfajla għamlet rapport f’għassa tal-pulizija. Imbikkma, it-tfajla allegat li r-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti, stupraha wara li ħadha d-dar tiegħu f’San Ġiljan. Dan wara li t-tfajla marret titolbu jdoqqilha diska fi club f’Paceville.

L-ispettur żied jixhed li l-għada tal-każ, l-akkużat bagħat messaġġ lit-tfajla fuq Instagram u talabha skuża.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li qieset li t-tfajla għad trid tixhed dwar il-każ u għax l-akkużat m’għandu ebda rabta ma’ pajjiżna.