Kronaka
AĠĠORNAT: Ir-raġel arrestat bil-kokaina fiċ-Ċirkewwa hu akkużat bil-ħruq tal-ark tal-Floriana

Bjorn Grima ta’ 35 sena minn tas-Sliema, li allegatament kien ħaraq arkata storika fil-Furjana, reġa’ tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat tad-droga kokaina meta fil-karozza tiegħu l-Pulizija sabet mat-30 gramma.

Nhar l-Erbgha li għadda l-akkużat, flimkien mat-tfajla tiegħu, kien fi triqtu lejn Għawdex meta twaqqaf mill-Pulizija u kien arrestat. Grima fil-Qorti wieġeb li ma kienx ħati.

L-avukati difensuri Franco Debono u Amedeus Cachia, wara li talbu għall-ħelsien mill-arrest, argumentaw li m’għadx fadal xhieda li jridu jixhdu dwar il-każ minħabba li l-uniku xhud kienet it-tfajla tiegħu li diġà tkellmet mal-Pulizija. Qalu wkoll li l-akkużat assuma r-responsabbiltà tad-droga fi stqarrija li ta lill-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Alfredo Mangion oġġezzjonat bil-qawwa għall-helsien żmill-arrest minħabba li l-akkuzat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’kawża oħra u anke għax jista’ jkun hemm intraċċ tal-provi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, laqgħet it-talba tad-difiża għal-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €35,000 u garanzija personali ta’ €5,000.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Jinħeles mill-arrest ir-raġel akkużat li qered l-Ark ta’ San Publiju bin-nar