Qorti
Raġel u s-sieħba tiegħu mhux ħatja ta’ stupru fuq tfajla

Raġel u s-sieħba tiegħu li għaddew ġuri mixlijin bi stupru ta’ tfajla ġew illiberati wara li l-imħallef ma emmnitx il-verżjoni tal-allegat vittma.

L-allegat każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Jannar 2012 f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

Waqt li r-raġel kien mixli bl-istupru, il-mara ġiet akkużata b’kompliċità. It-tnejn li huma kienu akkużati wkoll li żammew lit-tfajla kontra l-volontà tagħha.

Skont it-tfajla huma marru fil-lukanda fejn wara li l-koppja neżżgħatha u bdew ibusuha f’diversi partijiet ir-raġel stupraha waqt li l-mara żammitha.

Iż-żewġ akkużati ċaħdu dan u għalkemm ma xehdux fil-ġuri taw verżjoni differenti meta tteħditilhom l-istqarrija tal-Pulizija snin ilu.

Il-mara qalet li kien hemm il-kunsens tat-tlieta meta bdew ibusu u jmissu lil xulxin u li ħadet għaliha meta huwa kellu x’jaqsam mat-tfajla. Hija qalet li rrabjat li kellu x’jaqsam mat-tfajla u li huwa heddidha meta ppruvat iċċempel lir-raġel.

Min-naħa tiegħu r-raġel ċaħad li kellu x’jaqsam mat-tfajla u sostna li għalkemm ġieli kellu relazzjoni sesswali ma’ Wadi f’dak ix-xahar le.

Wara li semgħet il-provi l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrimarkat kif il-verżjoni li tat issa t-tfajla kienet differenti u “iktar vjolenti” minn dik li tat disa’ snin ilu.

Hija semmiet kif għalkemm it-tfajla qalet li gidmet lir-raġel u dan ħariġlu ħafna demm it-Tabib Mario Scerri, li eżamina lit-tlieta li huma, ma sabx gdim fuqu u anke ċaħad li għamlilha eżami ġenitali kif qalet hi.

L-esperta fid-DNA Marisa Cassar sabet traċċi tal-isperma tar-raġel fuq il-ħwejjeġ tat-tfajla imma mhux tal-mara fuq it-tfajla.

L-istess imħallef semmiet ukoll kif waqt li l-akkuża tirreferi għal-lejl ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Jannar 2012, l-allegat vittma nsistiet li dak li ġara kien f’għeluq sninha li jiġi fit-12 ta’ Jannar.

L-Imħallef Scerri Herrera ddeskriviet ix-xiehda tat-tfajla bħala waħda li kien fiha “diversi inkonsistenzi u nuqqasijiet”.

Hija kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset li tipprova l-każ tagħha u rrimarkat li kien hemm diversi xhieda oħra li setgħu tressqu dwar il-każ.

L-imsemmija mħallef kompliet li minkejja li dak li seħħ jista’ jkun diżgustanti u jikkostitwixxi vjolazzjoni għall-pudur ta’ persuna ma rriżultax stupru.

Hija saħqet li ma setgħetx toqgħod fuq ix-xiehda tat-tfajla u ddeskrivitha bħala waħda “mimlija inkonsistenzi u avariji u m’għandhix mis-sewwa.

L-Imħallef Scerri Herrera talbet ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jara jekk hux il-każ li jinvestiga lit-tfajla biex jara gidbitx.