Kronaka
Raħħal f’San Ġiljan jaqbad raġel jidħollu fir-razzett u jmurlu man-nagħaġ

L-imġiba mhux tas-soltu ta’ merħla nagħaġ f’razzett f’San Ġiljan qed tħasseb ħażin lir-raħħala dwar x’seta’ għamel raġel li l-Pulizija qabduh fil-fatt mistoħbi fit-tiben ta’ maqjel.

Mill-filmati miġbuda mill-kameras tas-sigurtà barra r-razzett, ir-raġel deher dieħel fir-razzett mill-inqas erba’ darbiet f’temp ta’ ħames ġimgħat u kull darba dam madwar siegħa fejn in-nagħaġ. Il-Pulizija qalu li r-raġel se jitressaq il-Qorti mixli li daħal fi propjetà privata mingħajr permess.

“Imwerwrin, mela dawk xi darba kienu hekk?! Qed tifhimni? Qatt ma kienu hekk!” Hekk qalilna Ġiljan Attard, li għandu 63 sena. Ġiljan ilu għomru u żmienu jrabbi n-nagħaġ fir-razzett li għandu f’San Ġiljan.

F’kummenti lil TVM, Ġiljan qal li fl-aħħar sitt ġimgħat hu u n-neputi tiegħu, Sean Mangion bdew jinnutaw aġir suspettuż fil-merħla ta’ madwar 70 nagħġa.

“Indunajt li qed jidħol xi ħadd għax in-nagħaġ mhux is-soltu tagħhom jitgezzu ġor-rokna, u dan qalli ‘dak qed jidħol xi ħadd u qed jagħmel is-sess magħhom,’ induna malajr it-tifel t’oħti, għidtlu ‘possibbli li qed jagħmel?’,” fisser Ġiljan, b’ton li jixhed li għadu lanqas jista’ jemmen.

“Huwa daħal erba’ darbiet u l-aħħar darba li daħal il-Pulizija meta niżlu u qabduh hemm, sabuh beda jaqfel iċ-ċintorin u qabad ibagħbas magħhom, ifhimni.”

Ir-raġel inqabad dieħel fir-razzett fuq kameras tas-sigurtà

Ġiljan u n-neputi tiegħu qalu li qatt ma sabu xejn nieqes mir-razzett iżda l-aġir mhux tas-soltu tan-nagħaġ f’maqjel minnhom wassalhom biex fittxew il-filmati tal-kameras tas-sigurtà, u nnutaw raġel jidħol fir-razzett.

Mill-filmati jirriżulta li r-raġel daħal fir-razzett minn tal-inqas fi tliet okkażjonijiet bejn l-20 ta’ Lulju u l-14 ta’ Awwissu u kull darba jqatta’ madwar siegħa fejn in-nagħaġ u jerġa’ joħroġ. Fil-25 ta’ Awwissu, il-Pulizija ssejħu fir-razzett u sabu raġel mistoħbi qalb it-tiben f’kantuniera tal-maqjel.

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM, kelliem tal-Pulizija qal li l-Pulizija mill-għassa ta’ San Ġiljan marru fuq il-post u sabu raġel barrani. Żied jgħid li mill-investigazzjonijiet ta’ filmati tas-CCTV jidher dieħel fi propjetà privata, bil-filmati jkopru biss iż-żona ta’ barra u ma jurux fejn jinżammu n-nagħaġ.

Għaldaqstant, il-Pulizija mistennija jressqu lir-raġel il-Qorti b’akkużi li daħal fi proprjetà privata bla permess.