RAI tifraħ lill-PBS għas-suċċess tal-Junior Eurovision Song Contest

Id-diriġenti tar-RAI ferħu lill-PBS għall-produzzjoni televiżiva li ttellgħet il-ġimgħa l-oħra tal-Junior Eurovision Song Contst.

F’ittra mibgħua mill-President tar-Radiotelevisione Italiana, is-Sinjura Anna Maria Tarantola liċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services Tonio Portughese hija ferħet lill-PBS għall-produzzjoni televiżiva tal-aqwa kwalitá  u x-xhieda tal-importanza tas-Servizz tax-Xandir Pubbliku,  għall-inizjattiva tal-PBS biex tagħmel ġemellaġġi bejn il-kantanti tal-pajjiżi parteċipanti u diversi skejjel Maltin,  għall-viżjoni mogħtija lill-avveniment bħala festa u ċelebrazzjoni tat-tfal Ewropej.  Fuq kollox Malta ġabet flimkien tfal minn pajjiżi b’kulturi u lingwi differenti iżda li jridu jkunu huma li jibnu l-futur tal-ġenerazzjonijiet Ewropej miftuħin għad-djalogu u l-paċi.

Il-Presidentessa tar-RAI fil-ħajr tagħha lill-PBS semmiet ukoll ir-rabtiet speċjali bejn ir-RAI u l-PBS kif ukoll bejn Malta u l-Italja.  Il-JESC ta’ Malta ntrebaħ mill-Italja bil-kantant Vincenzo Cantiello bil-kanzunetta “tu primo grande amore grande”.

Nhar il-Ħamis 11 ta’ Diċembru fil-bini ewlieni tar-RAI fi Viale Mazzini f’Ruma, ic-Chairman tal-PBS ġie mistieden jagħmel preżentazzjoni dwar il-kontribut mogħti mill-organizzazzjonijiet radjuteleviżivi tal-Mediterran fil-kuntest tal-kisbiet tax-xandir pubbliku Malti.